Aħbarijiet dwar il-Komunitajiet tal-Enerġija Sostenibbli

 Djarju tal-avvenimenti | Aħbarijiet | Irreġistra ħalli tirċievi din in-newsletter elettronika


Regions202020 logo ENESCOM logo Come2CoM logo CITY_SEC logo Energy for Mayors logo
logo come2com 4

L-“Aktar Belt Ekoloġika” tista’ tikseb riżultati aħjar! Eżempju ta’ Pjan ta’ Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli minn Växjö, l-Isvezja

Awtur : Katrin JULLIEN, come2CoM Project Coordinator (2010-11), Germany / Meike LÖHR, come2CoM Project Coordinator (2011-2012), Beratungs- und Service-Gesellschaft Umwelt mbH, Germany - Email

Traduttur: Ivan GRECH, ENESCOM, Malta - Email

Växjö “Europe’s Greenest City” Il-promozzjoni tal-Konvenzjoni tas-Sindki permezz tal-offerta ta’ appoġġ fl-iżvilupp ta’ Pjan ta’ Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli hija l-aspett ewlieni tal-proġett come2CoM. F’intervista ma’ come2CoM, Henrik Johansson, il-Kontrollur Ambjentali minn Växjö, l-Isvezja juri l-importanza tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Enerġija fil-ġlieda kontra t-tibdil tal-klima.

Växjö “L-Aktar Belt Ekoloġika tal-Ewropa”. Ritratt użat bil-permess ta’ Henrik Josephson, Belt ta’ Växjö

come2Com: F’ Växjö diġà sar ħafna xogħol b’suċċess sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2. Għaliex il-“belt l-aktar ekoloġika fl-Ewropa” iffirmat il-KtS u waqqfet Pjan ta’ Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli minbarra l-programmi l-oħra tagħha għat-tnaqqis fil-konsum tal-enerġia?

Henrik Johansson: L-idea wara l-KtS hija li l-awtoritajiet lokali juru li huma lesti li jissuperaw il-miri tal-UE dwar il-klima. U anki jekk Växjö diġà laħqet dan il-għan, aħna għadna naħsbu li huwa importanti li nuru li tnaqqis ta’ 20% mhuwiex biżżejjed, u li huwa possibbli li niksbu riżultat ħafna aħjar minn dan fuq livell lokali. Rigward il-PAES, konna naħsbu li wieħed m’għandux jivvinta affarijiet ġodda l-ħin kollu. Fl-2007, ħtarna kummissjoni lokali dwar il-klima f’ Växjö, sabiex niskopru x’seta’ jsir sabiex jintlaħqu l-miri lokali. Ir-rapport finali tal-kummissjoni ntuża bħala l-PAES tagħna. Is-sena d-dieħla se naħdmu għal pjan enerġetiku ġdid għal Växjö, li jkun jista’ jieħu post il-PAES attwali tagħna meta jkun lest.

VäxjöVäxjö. Ritratt riprodott bil-permess ta’ Henrik Josephson, Belt ta’ Växjö

come2Com: L-involviment tal-partijiet interessati huwa kkunsidrat bħala aspett ewlieni fl-implimentazzjoni ta’ PAES. Liema partijiet interessati kienu involuti fil-PAES tagħkom u kif?

Henrik Johansson: Il-PAES ġie żviluppat fuq perjodu twil ta’ żmien u jagħmel parti mill-Fossil Fuel Free ċ programme. Meta l-programm ġie stabbilit fis-snin disgħin, il-parteċipazzjoni ta’ politiċi, kumpaniji, awtoritajiet, NGOs, l-università u ċ-ċittadini kienet kruċjali. Il-parteċipazzjoni ta’ ħafna partijiet interessati ntlaħqet permezz ta’ seminars, laqgħat ta’ diskussjoni eċċ.. Il-kummissjoni tal-klima lokali kienet magħmula minn personal mill-muniċipalità u l-kumpanija tal-enerġija, l-aġenzija tal-enerġija tax-Xlokk tal-Isvezja, l-università u l-kumpaniji lokali. Saru ħafna laqgħat fejn esperti qasmu l-għarfien tagħhom.

come2Com: Huwa probabbli li Växjö se tkun Belt Ħielsa mill-Karburant Fossili sal-2050. Huwa diffiċli li jsir tnaqqis sinifikanti ta’ CO2 fis-settur tat-trasport.  Liema azzjonijiet u miżuri ewlenin huma ppjanati f’dan is-settur?

Henrik Johansson:  Il-mira attwali għal Växjö hija li ssir Belt Ħielsa mill-Karburant Fossili sal-2030. Huwa diffiċli li jintlaħaq dan l-għan – 80% tal-emissjonijiet  kollha ta’ Växjö jiġu mit-trasport u l-makkinarji, filwaqt li l-bqija jiġu mill-enerġija. Billi s-settur tal-enerġija għandu bażi lokali, kien iżjed faċli li jinkisbu riżultati tajba, iżda għat-trasport aħna niddependu l-iżjed fuq l-iżviluppi globali. Il-muniċipalità ma tistax tiddeċiedi liema tip ta vetturi jew karburanti jistgħu jintużaw. Madankollu, nistgħu ninkoraġġixxu għażliet tajba, pereżempju, billi niffaċilitaw it-trasport bil-biċikletti għan-nies. Mill-2012, se nibdew niġbru l-iskart bijoloġiku tad-djar sabiex jintuża fil-produzzjoni tal-bijogass. Wara l-bijogass għandu jintuża fil-karozzi tal-linja tal-belt u dawk privati. Dan, madankollu, għandu jnaqqas l-emissjonijiet ta’ CO2 per capita b’1-2 %. Għalhekk, fuq livell lokali għandna naħdmu sabiex nibdlu l-attitudnijiet u l-imġiba iżda neħtieġu wkoll l-għajnuna mill-gvern u l-UE għal leġiżlazzjoni. Huwa għan ambizzjuż li dan jintlaħaq sal-2030, iżda s-sitwazzjoni tista' tinbidel b'mod drammatiku fi ftit snin biss.

CO2 emissions and economic growth in Växjö Emissjonijiet taCO2 u l-iżvilupp ekonomiku f’Växjö